Aqbeż għall-kontentut

Copan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Skultura ta' Copan.

Copan, spellut wkoll Copán, huwa sit arkeoloġiku taċ-ċivilizzazzjoni tal-Maja fid-Dipartiment ta' Copán tal-Punent tal-Honduras, mhux wisq 'il bogħod mill-fruntiera mal-Gwatemala. Huwa wieħed mill-iżjed siti importanti taċ-ċivilizzazzjoni tal-Maja, li ma ġiex skavat qabel is-seklu 19. Il-fdalijiet taċ-ċittadella u l-pjazez pubbliċi imponenti joħorġu fid-dieher it-tliet stadji prinċipali tal-iżvilupp qabel ma l-belt ġiet abbandunata fil-bidu tas-seklu 10 W.K.

Din il-belt tal-qedem tal-Maja tirrifletti s-sbuħija tal-pajsaġġi fiżiċi li fiha ffjorixxiet — wied muntanjuż għammiel u msaqqi sew fil-Punent tal-Honduras f'elevazzjoni ta' 600 metru (1,970 pied) 'il fuq mil-livell medju tal-baħar. Kienet il-belt kapitali ta' renju ewlieni tal-perjodu klassiku mis-sekli 5 sa 9 W.K. Il-belt kienet tinsab fix-Xlokk estrem tar-reġjun kulturali Mesoamerikan, fil-fruntiera mar-reġjun kulturali Kolombjan u tal-Istmu Amerikan Ċentrali, u kienet kważi mdawra għalkollox minn popli mhux Maja.

Il-belt ta' Copán ġiet okkupata għal iktar minn 2,000 sena, mill-perjodu Preklassiku Bikri sal-perjodu Postklassiku. Il-belt żviluppat stil skulturali distintiv fi ħdan it-tradizzjoni tal-Maja tal-artijiet baxxi, x'aktarx sabiex tenfasizza l-etniċità Maja tal-mexxejja tagħha.

Il-belt għandha rekord storiku estiż fuq il-biċċa l-kbira tal-perjodu klassiku u dan ġie rikostruwit fid-dettall mill-arkeologi u mill-epigrafi. Copán kienet belt setgħana li kienet tmexxi renju kbir fi ħdan it-territorju tan-Nofsinhar tal-Maja. Il-belt ġarrbet diżastru politiku ewlieni fis-738 W.K. meta Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil, wieħed mill-ikbar rejiet fl-istorja dinastika ta' Copán, inħataf u ġie ġustizzjat mill-eks vassall tiegħu, ir-re ta' Quiriguá. Din it-telfa mhux mistennija rriżultat f'perjodu ta' 17-il sena li fih il-belt jaf kienet soġġetta għal Quiriguá.

Parti sinifikanti min-naħa tal-Lvant tal-akropoli ttieklet sew mix-xmara Copán; sadanittant ix-xmara ġiet devjata sabiex is-sit jiġi protett minn ħsara ulterjuri.

Bħala wieħed mill-iżjed siti importanti fl-istorja tal-Maja, u minħabba l-arkitettura ppreservata sew u straordinarja tiegħu, Copán tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980,[1] u s-sit ġie ddeżinjat bħala monument kulturali mill-gvern tal-Honduras fl-1982.

Huwa maħsub li x'aktarx li l-isem ta' Copán fil-qedem kien Oxwitik (pronunzja: [oʃwitik]), li jfisser "Tliet Witiks", għalkemm it-tifsira tal-kelma witik mhix ċara.

Il-pożizzjoni ta' Copán.

Is-sit arkeoloġiku ta' Copán jinsab fil-Punent tal-Honduras qrib il-fruntiera mal-Gwatemala. Jinsab fi ħdan il-muniċipalità ta' Copán Ruinas fid-Dipartiment ta' Copán. Jinsab f'wied għammiel qalb l-għoljiet ta' qabel il-muntanji f'għoli ta' 700 metru (2,300 pied) 'il fuq mil-livell medju tal-baħar. Il-fdalijiet tal-qalba tal-belt jinsabu 1.6 kilometru (mil) 'il bogħol mill-villaġġ modern ta' Copán Ruinas, li nbena fuq is-sit ta' kumpless ewlieni li jmur lura għall-perjodu klassiku.

Fil-perjodu preklassiku, l-art tal-Wied ta' Copán kienet imħarbta, bassasa u dejjem f'sogru ta' għargħar staġonali. Fil-perjodu Klassiku Bikri, l-abitanti ċċattjaw l-art tal-wied u wettqu proġetti ta' kostruzzjoni biex jipproteġu l-arkitettura tal-belt mill-effetti tal-għargħar.

Il-belt ta' Copán kellha influwenza ewlenija fuq iċ-ċentri reġjonali fil-Punent u fiċ-ċentru tal-Honduras, u xprunat l-introduzzjoni tal-karatteristiċi Mesoamerikani lill-elit lokali.

Tpinġija artistika tal-Maja fl-Istele I u l-artal. Pittura tal-1898 ta' Henry Sandham.

Fil-quċċata tal-poter tiegħu fil-perjodu Klassiku Aħħari, ir-renju ta' Copán kellu popolazzjoni ta' mill-inqas 20,000 ruħ u kien ikopri erja ta' iktar minn 250 kilometru kwadru (100 mil kwadru). L-inħawi usa' ta' Copán li kienu jikkonsistu miż-żoni popolati tal-wied kienu jkopru madwar kwart id-daqs tal-belt ta' Tikal. Huwa stmat li l-ikbar popolazzjoni f'Copán ċentrali kienet tlaħħaq bejn 6,000 u 9,000 ruħ f'erja ta' 0.6 kilometri kwadri (0.23 mili kwadri), b'9,000 sa 12,000 abitant oħra fil-periferija — f'erja ta' 23.4 kilometru kwadru (9.0 mili kwadri). Barra minn hekk, huwa stmat li kien hemm popolazzjoni rurali ta' 3,000 sa 4,000 ruħ f'erja ta' 476 kilometru kwadru (184 mil kwadru) tal-Wied ta' Copán, b'popolazzjoni totali stmata li kienet tlaħħaq bejn 18,000 u 25,000 ruħ fil-wied matul il-perjodu Klassiku Aħħari.

Ma tantx nafu wisq dwar il-mexxejja ta' Copán qabel ma ġiet stabbilita dinastija ġdida b'oriġini f'Tikal fil-bidu tas-seklu 5 W.K., għalkemm l-oriġini tal-belt imorru lura għall-perjodu Preklassiku. Wara dan, Copán saret waħda mill-iżjed bliet-stati setgħana tal-Maja u kienet potenza reġjonali fin-Nofsinhar tat-territorju tal-Maja. Madankollu, ir-renju ġarrab telfa katastrofika kontra l-eks stat vassall tiegħu Quirigua fis-738, meta r-re Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil li kienu ilu jirrenja fit-tul inħataf u nqatel bi qtugħ ir-ras mill-mexxej ta' Quirigua K'ak' Tiliw Chan Yopaat (Sema ta' Cauac). Għalkemm din kienet daqqa ta' ħarta kbira, il-mexxejja ta' Copán bdew jibnu l-istrutturi monumentali mill-ġdid wara ftit deċennji.

L-inħawi ta' Copán baqgħu okkupati wara li nbnew l-aħħar strutturi ċerimonjali u monumenti rjali, iżda l-popolazzjoni ċkienet fis-sekli 8 u 9 minn x'aktarx iktar minn 20,000 ruħ fil-belt għal inqas minn 5,000 ruħ. Dan it-tnaqqis fil-popolazzjoni seħħ matul erba' sekli qabel ma bdew jidhru tassew l-ewwel sinjali ta' kollass, u dan juri l-istabbiltà ta' dan is-sit saħansitra wara l-waqgħa tad-dinastiji mexxejja u tal-familji rjali. Iċ-ċentru ċerimonjali kien ilu li ġie abbandunat u l-wied tal-madwar kien jospita ftit villaġġi rurali żgħar fi żmien il-wasla tal-Ispanjoli fis-seklu 16.

L-Istele H f'Copán, ikkummissjonata minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil.

Ir-referenzi għall-mexxejja predinastiċi ta' Copán jinsabu f'testi suċċessivi, iżda l-ebda wieħed minn dawn it-testi ma nkitbu qabel l-istabbiliment mill-ġdid ta' Copán fl-426 W.K.

Isem (jew laqam) Irrenja Suċċessjoni dinastika Ismijiet alternattivi
K'inich Yax K'uk' Mo' 426 – sal-ħabta tal-437 1 L-Ewwel Quetzal-Makaw tax-Xemx il-Kbira
K'inich Popol Hol għall-ħabta tal-437 2 Xemx Kbira
Isem mhux magħruf għall-ħabta tal-455 3 Mexxej Nru 3
Ku Ix għall-ħabta tal-465 4 K'altuun Hix, Tuun K'ab' Hix
Isem mhux magħruf għall-ħabta tal-476 5 Mexxej Nru 5
Muyal Jol għall-ħabta tal-485 6 Mexxej Nru 6
B'alam Nehn 504–544 7 Ġagwar tal-Mera; Ġagwar tal-Galletta
Wil Ohl K'inich 532–551 8 Mexxej Nru 8; Kap tad-Dinja
Sak-Lu 551–553 9 Mexxej Nru 9
Tzi-B'alam 553–578 10 Ġagwar tal-Qamar
K'ak' Chan Yopaat 578–628 11 B'utz' Chan; Serp tad-Duħħan
Chan Imix K'awiil 628–695 12 Ġagwar tad-Duħħan; Imix tad-Duħħan
Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil 695–738 13 Fenek 18
Ajaw K'ak' Joplaj Chan K'awiil 738–749 14 Xadina tad-Duħħan
Ajaw K'ak' Yipyaj Chan K'awiil 749–763 15 Qoxra tad-Duħħan; Skojjattlu tad-Duħħan
Yax Pasaj Chan Yopaat 763 – wara t-810 16 Yax Pac
Ukit Took 822 17?

Storja predinastika

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-wied għammiel tax-xmara Copán għal żmien twil kien post agrikolu qabel ma nbniet l-ewwel arkitettura magħrufa tal-ġebel fir-reġjun għall-ħabta tas-seklu 9 Q.K. Il-belt kienet importanti qabel ma ġiet stabbilita mill-ġdid minn elit barrani; tissemma l-istorja predinastika ta' Copán f'testi suċċessivi, iżda l-ebda wieħed minnhom ma tfassal qabel l-istabbiliment il-ġdid tal-belt fl-426 W.K. Hemm inċiżjoni li tirreferi għas-sena 321 Q.K., iżda l-ebda test ma jispjega l-importanza ta' din id-data. Avveniment f'Copán huwa marbut ma' avveniment ieħor li seħħ 208 jiem qabel fil-159 W.K. f'post mhux magħruf li jissemma wkoll fuq stele minn Tikal, li tissuġġerixxi li tinsab xi mkien fil-Baċir ta' Petén, possibbilment il-belt Preklassika l-kbira tal-Maja ta' El Mirador. Din id-data tal-159 W.K. tissemma f'diversi testi u hija marbuta ma' figura magħrufa bħala "Ajaw tal-Weraq". Din l-istess persuna tissemma fuq kranju mnaqqax ta' ħanżir selvaġġ li ġie rkuprat mill-Qabar Nru 1, fejn jingħad li wettaq azzjoni bi stele fit-376 W.K.

K'inich Yax K'uk' Mo' u K'inich Popol Hol

[immodifika | immodifika s-sors]
Għatu taċ-ċeramika bl-għamla ta' K'inich Yax K'uk' Mo', irkuprat mill-qabar tar-re tas-seklu 7 Imix tad-Duħħan, taħt it-Tempju 26.

Il-belt ġiet stabbilita mill-ġdid minn K'inich Yax K'uk' Mo', li stabbiliha bħala l-belt kapitali ta' renju ġdid tal-Maja. Dan il-kolp ta' stat milli jidher kien organizzat u varat minn Tikal. It-testi jsemmu l-wasla ta' ġellied imsejjaħ K'uk' Mo' Ajaw li tela' fuq it-tron tal-belt fl-426 W.K. u ngħata isem irjali ġdid, K'inich Yax K'uk' Mo' u t-titlu ochk'in kaloomte, jiġifieri "Mexxej tal-Punent", li ntuża ġenerazzjoni qabel minn Siyaj K'ak', ġeneral mill-metropoli l-kbira ta' Teotihuacan li intervjena b'mod deċiżiv fil-politika ta' Petén ċentrali. K'inich Yax K'uk' Mo' x'aktarx li kien minn Tikal u x'aktarx li kien sponsorjat minn Siyaj Chan K'awill II, is-16-il mexxej fis-suċċessjoni dinastika ta' Tikal. K'inich Yax K'uk' Mo' jaf leġittimizza l-jedd tiegħu għat-tmexxija billi żżewweġ membru tal-familja rjali antika ta' Copán, kif joħroġ fid-dieher mill-fdalijiet tal-armla preżunta tiegħu. L-analiżi tal-għadam tal-fdalijiet tagħha tindika li hi kienet minn Copán. Wara l-istabbiliment tar-renju l-ġdid ta' Copán, il-belt baqgħet alleata mill-qrib ta' Tikal. It-test ġeroglifiku fuq l-Artal Q ta' Copán jiddeskrivi li l-mexxej ġie elevat għal re u ngħata x-xettru rjali. Iċ-ċerimonji involvuti fl-istabbiliment tad-dinastija ta' Copán dynasty kienu jinkludu wkoll l-istabbiliment ta' re subordinat f'Quiriguá.

Test minn Tikal isemmi lil K'uk' Mo' u ġie datat li jmur lura għall-406 W.K., 20 sena qabel ma K'uk' Mo' Ajaw stabbilixxa d-dinastija l-ġdida ta' Copán. X'aktarx li ż-żewġ ismijiet jirreferu għall-istess individwu minn Tikal. Għalkemm l-ebda wieħed mit-testi ġeroglifiċi li jsemmu l-istabbiliment tad-dinastija l-ġdida ta' Copán ma jiddeskrivi kif K'uk' Mo' wasal fil-belt, evidenza indiretta tissuġġerixxi li ħakem il-belt b'mezzi militari. Fuq l-Artal Q jintwera bħala ġellied ta' Teotihuacan b'għajnejn miftuħin beraħ u b'tarka tal-gwerra b'serp. Meta wasal f'Copán huwa ta bidu għall-kostruzzjoni ta' diversi strutturi, inkluż tempju bl-istil talud-tablero tipiku ta' Teotihuacan u tempju ieħor b'burduri mal-kantunieri u diversi forom karatteristiċi ta' Tikal. Dawn ir-rabtiet b'saħħithom mal-kulturi tal-Maja u tal-Messiku ċentrali jissuġġerixxu li mill-inqas kien Maja Messikanizzat jew saħansitra minn Teotihuacan. Id-dinastija stabbilita mir-re K'inich Yax K'uk' Mo' rrenjat fil-belt għal erba' sekli u kienet tinkludi sittax-il re u kontendent probabbli li kien ikun is-sbatax-il re tad-dinastija. Diversi monumenti baqgħu jeżistu fost dawk iddedikati lil K'inich Yax K'uk' Mo' u l-werrieta tiegħu.

K'inich Yax K'uk' Mo' miet bejn l-435 u l-437 W.K. Fl-1995 ġie skopert qabar taħt it-tempju ta' Hunal bi stil talud-tablero minn tim ta' arkeologi mmexxi minn Robert Sharer u David Sedat. Il-qabar kien fih l-iskeletru ta' raġel anzjan b'offerti rikki u evidenza ta' ġerħiet tal-ġlied. Il-fdalijiet ġew identifikati bħala dawk ta' K'inich Yax K'uk' Mo' minħabba l-pożizzjoni tagħhom taħt sekwenza ta' seba' binjiet li nbnew f'ġieħu. L-analiżi tal-għadam identifikat li l-fdalijiet kienu ta' xi ħadd li ma oriġinax minn Copán.

L-Istele 63, li x'aktarx tmur lura għar-renju ta' K'inich Popol Hol.

K'inich Popol Hol wiret it-tron ta' Copán mingħand K'inich Yax K'uk' Mo', li kien missieru. Huwa wettaq proġetti ewlenin ta' kostruzzjoni u ddisinja mill-ġdid il-qalba ta' Copán. Popol Hol mhuwiex l-isem oriġinali ta' dan ir-re iżda iktar laqam ibbażat fuq id-dehra tal-isem glifiku tiegħu marbut ma' Teotihuacan. K'inich Popol Hol issorvelja l-kostruzzjoni tal-ewwel verżjoni Mesoamerikana tal-piċċ tal-logħba tal-ballun tal-Maja fil-belt, li kien imżejjen bi xbihat tal-makaw aħmar, li huwa għasfur prominenti fil-mitoloġija tal-Maja. L-ikbar attività ta' kostruzzjoni tiegħu kienet fl-inħawi tal-palazz ta' missieru, issa taħt l-Istruttura 10L-16, li ġarraf wara li difen lil missieru hemmhekk. Imbagħad huwa bena tliet binjiet suċċessivi fuq il-qabar.

Mexxejja dinastiċi bikrin oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Ma tantx nafu wisq dwar il-Mexxejja Nri 3 sa 6 fis-suċċessjoni dinastika, għalkemm huwa magħruf minn framment ta' monument imkisser li reġa' ntuża f'kostruzzjoni oħra iktar 'il quddiem li wieħed minnhom kien iben Popol Hol. Il-Mexxej Nru 3 jintwera fuq l-Artal Q tas-seklu 8, iżda l-isem glifiku tiegħu tkisser. Ku Ix kien ir-raba' mexxej fis-suċċessjoni dinastika. Huwa reġa' bena t-Tempju 10L-26 fl-Akropoli, u ordna li titqiegħed stele hemmhekk u tarġa ġeroglifika fil-bażi tiegħu. Għalkemm dan ir-re jissemma wkoll fuq għadd ta' frammenti oħra ta' skulturi, ma hemm l-ebda data ħdejn ismu. Iż-żewġ rejiet ta' warajh fis-sekwenza dinastika huma magħrufa biss mill-iskulturi tagħhom fuq l-Artal Q. B'alam Nehn (spiss imsejjaħ bħala l-Ġagwar tal-Galletta) kien l-ewwel re li effettivament irreġistra l-pożizzjoni tiegħu fis-suċċessjoni dinastika, u ddikjara li kien is-seba' re wara K'inich Yax K'uk' Mo'. L-Istele 15 tirreġistra li diġà kien qed jirrenja f'Copán fil-504 W.K. B'alam Nehn huwa l-uniku re ta' Copán li ssemma f'test ġeroglifiku 'l barra mix-Xlokk tat-territorju tal-Maja. Ismu jidher f'test fuq l-Istele 16 minn Caracol, sit arkeoloġiku fil-Beliże. L-istele tmur lura għall-534 W.K., iżda l-interpretazzjoni tat-test mhux ċara. B'alam Nehn wettaq proġetti ewlenin ta' kostruzzjoni fl-Akropoli, u bena fuq palazz bikri b'għadd ta' strutturi importanti.

Wil Ohl K'inich, it-tmien mexxej, huwa re ieħor li huwa magħruf biss għax jissemma fl-Artal Q. Warajh ġie l-Mexxej Nru 9 fil-551 W.K., b'tlugħ it-tron li ġie deskritt bħala t-Taraġ Ġeroglifiku. Jidher ukoll fuq l-Artal Q minkejja li rrenja għal inqas minn sentejn.

L-għaxar mexxej huwa mlaqqam bħala l-Ġagwar tal-Qamar mill-Majanisti. Huwa kien iben B'alam Nehn, is-seba' mexxej. Huwa tela' fuq it-tron f'Mejju 553 W.K. Il-monumenti tiegħu li għadhom jeżistu nstabu fil-villaġġ modern ta' Copán Ruinas, li kien kumpless ewlieni matul il-perjodu Klassiku. L-iżjed kostruzzjoni famuża li tmur lura għar-renju tiegħu huwa t-Tempju 16 elaborat tal-fażi ta' Rosalila, li ġie skopert intatt taħt fażijiet ta' wara tat-tempju matul xi xogħol ta' tħaffir arkeoloġiku.

K'ak' Chan Yopaat u Imix tad-Duħħan

[immodifika | immodifika s-sors]

K'ak' Chan Yopaat kien il-ħdax-il mexxej dinastiku f'Copán. Huwa sar re fil-578 W.K., 24 jum wara l-mewt tal-Ġagwar tal-Qamar. Matul ir-renju tiegħu, Copán kienet qed tesperjenza żieda bla preċedent fil-popolazzjoni tagħha, u l-art residenzjali kienet mifruxa fuq l-art kollha disponibbli fil-Wied ta' Copán kollu. Iż-żewġ steli li għadhom jeżistu ta' K'ak' Chan Yopaat fihom testi twal, diffiċli li jiġu ddeċifrati, u huma l-eqdem monumenti fis-sit li nstabu sħaħ u mhux mirduma. Huwa rrenja għal 49 sena sa mewtu fil-5 ta' Frar 628. Ismu huwa rreġistrat fuq erba' steli li ttellgħu mis-suċċessuri tiegħu, u waħda minnhom tiddeskrivi rit li sar bir-relikwi mill-qabar tiegħu fis-730 W.K., kważi mitt sena wara mewtu.

Imix tad-Duħħan sar re 16-il jum wara l-mewta ta' K'ak' Chan Yopaat. Huwa maħsub li kien l-iżjed re li dam jirrenja f'Copán, u rrenja mis-628 sas-695 W.K. Huwa maħsub li twieled fis-612 W.K. u li sar re meta kellu 15-il sena. L-arkeologi rkupraw ftit evidenza ta' attività għall-ewwel 26 sena tar-renju tiegħu, iżda fis-652 W.K. kien hemm splużjoni f'daqqa ta' produzzjoni ta' monumenti, b'żewġ steli li ttellgħu fil-Pjazza l-Kbira u erba' oħra f'pożizzjonijiet importanti madwar il-Wied ta' Copán. Dawn il-monumenti kollha ċċelebraw tmiem ta' k'atun. Huwa tella' wkoll stele fis-sit arkeoloġiku ta' Santa Rita 12-il kilometru (7.5 mili) 'il bogħod u jissemma fuq l-Artal L f'Quiriguá b'rabta mal-istess avveniment fis-652 W.K. Huwa maħsub li kien qed jipprova jimmarka l-awtorità tiegħu fil-wied kollu wara t-tmien ta' xi restrizzjoni bikrija tal-libertà tiegħu li jirrenja kif xtaq.

Wara din l-isplużjoni f'daqqa ta' attività, Imix tad-Duħħan kompla jirrenja sa kważi tmien is-seklu 7; huwa ddedika disa' monumenti magħrufa oħra u għamel bidliet importanti fl-arkitettura ta' Copán, inkluż il-kostruzzjoni tal-Istruttura 2, li tagħlaq in-naħa tat-Tramuntana tal-Pjazza l-Kbira, u verżjoni ġdida tat-Tempju 26, imlaqqam Chorcha. Imix tad-Duħħan irrenja f'Copán għal 67 sena u miet fil-15 ta' Ġunju 695 W.K. tal-età ta' 79 sena, età li tant kienet tispikka li ntużat biex tidentifikah minflok ismu fuq l-Artal Q. Il-qabar tiegħu diġà kien tlesta fil-fażi ta' Chorcha tat-Tempju 26 u ndifen jumejn biss wara mewtu.

Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Istele H, li turi lir-re Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil.

Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil sar it-13-il re fid-dinastija ta' Copán f'Lulju 695 W.K. Huwa rrenja fl-apoġew tal-kisbiet ta' Copán kif ukoll matul wieħed mill-ikbar diżastri politiċi tal-belt. Matul ir-renju tiegħu, l-istil skulturali tal-belt evolva fl-iskultura elaborata karatteristika ta' Copán. Fis-718 W.K., Copán attakkat u għelbet is-sit mhux identifikat ta' Xkuy, u rreġistrat il-ħruq tiegħu fuq ċilindru tal-ġebel mhux tas-soltu. Fis-724 W.K. Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil ħatar lil K'ak' Tiliw Chan Yopaat bħala vassall fit-tron ta' Quiriguá. Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil kien kunfidenti biżżejjed fil-poter li kellu li jeleva l-belt tiegħu fost l-iżjed erba' stati setgħana fit-territorju tal-Maja, flimkien ma' Tikal, Calakmul u Palenque, kif irreġistrat fuq l-Istele A. B'kuntrast mal-predeċessur tiegħu, Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil ikkonċentra l-monumenti tiegħu fil-qalba ta' Copán; l-ewwel wieħed tiegħu kien l-Istele J, li tmur lura għas-702 W.K. u li ttellgħet fid-daħla tal-Lvant tal-belt.

Huwa baqa' jtella' seba' steli oħra ta' kwalità għolja sas-736 W.K., li jitqiesu bħala monumenti fost il-kapulavuri tal-iskultura Klassika tal-Maja b'tant dettall li jirrappreżentaw l-ogħla livell ta' kisba artistika tal-Maja. L-isteli juru lir-re Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil b'poża ritwali u bl-attributi ta' varjetà ta' divinitajiet, fosthom B'olon K'awiil, K'uy Nik Ajaw u Mo' Witz Ajaw. Ir-re wettaq ukoll xogħlijiet ewlenin ta' kostruzzjoni, inkluż verżjoni ġdida tat-Tempju 26 fejn issa nstabet l-ewwel verżjoni tat-Taraġ tal-Ġeroglifiċi, flimkien ma' żewġ tempji li issa ntilfu minħabba l-erożjoni tax-xmara Copán. Huwa inkorpora wkoll il-fażi ta' Rosalila tat-Tempju 16 fi ħdan fażi ġdida ta' kostruzzjoni. Barra minn hekk, immudella mill-ġdid il-piċċ tal-logħba tal-ballun, imbagħad ġarrfu u reġa' bena ieħor ġdid minfloku.

Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil kien għadu kemm iddedika sit ġdid tal-logħba tal-ballun tal-Maja fis-738 W.K. meta l-belt ġarrbet diżastru għal għarrieda. Tnax-il sena qabel huwa kien ħatar lil K'ak' Tiliw Chan Yopaat fit-tron ta' Quiriguá bħala l-vassall tiegħu. Sas-734 W.K. ir-re ta' Quiriguá wera li ma kienx beħsiebu jibqa' subordinat leali u beda jirreferi għalih innifsu bħal k'ul ajaw, jiġifieri "mexxej sagru", minflok sempliċiment bħala mexxej subordinat jew ajaw. K'ak' Tiliw Chan Yopaat milli jidher kien ħa vantaġġ mir-rivalitajiet politiċi usa' u sar alleat ta' Calakmul, l-għadu ewlieni ta' Tikal. Copán kienet alleata sew ma' Tikal u Calakmul użat l-alleanza tagħha ma' Quiriguá biex timmina lill-alleat ewlieni ta' Tikal fin-Nofsinhar.

Għalkemm id-dettalji preċiżi mhumiex magħrufa, f'April 738 K'ak' Tiliw Chan Yopaat ħataf lil Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil u ħaraq żewġ divinitajiet patruni ta' Copán. Sitt ijiem wara Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil miet b'qtugħ ir-ras f'Quiriguá. Dan il-kolp ta' stat milli jidher ma affettwax fiżikament la lil Copán u lanqas lil Quiriguá; ma hemm l-ebda evidenza li xi waħda minn dawn il-bliet ġiet attakkata f'dan iż-żmien u r-rebbieħ milli jidher ma ngħatax xi ġieħ partikolari. Dan kollu donnu jimplika li K'ak' Tiliw Chan Yopaat irnexxielu b'xi mod jaqbad lil Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fuq sieq waħda, iktar milli rebaħlu f'xi battalja. Ġie ssuġġerit li Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil kien qed jipprova jattakka sit ieħor biex jaħtaf xi priġunieri għas-sagrifiċċji umani sabiex jiddedika piċċ ġdid tal-logħba tal-ballun, meta f'daqqa waħda ġie attakkat minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat u l-ġellieda tiegħu ta' Quiriguá.

Fil-perjodu Klassiku Aħħari, l-alleanza ma' Calakmul spiss kienet tiġi assoċjata mal-wegħda ta' appoġġ militari. Il-fatt li Copán, belt ferm iktar setgħana minn Quiriguá, ma rnexxilhiex tirritalja kontra l-eks vassall tagħha jimplika li beżgħet mill-intervent militari ta' Calakmul. Calakmul kienet 'il bogħod biżżejjed minn Quiriguá u K'ak' Tiliw Chan Yopaat ma beżax li jaqa' direttament taħt il-poter tagħha bħala stat vassal sħiħ, minkejja li x'aktarx Calakmul bagħtet xi ġellieda biex tgħin fir-rebħa kontra Copán. Minflok l-alleanza jidher li wasslet għal vantaġġi reċiproċi: Calakmul irnexxielha ddgħajjef alleat b'saħħtu ta' Tikal, filwaqt li Quiriguá kisbet l-indipendenza tagħha. Id-diżastru kellu konsegwenzi fit-tul għal Copán; il-kostruzzjonijiet ewlenin waqfu u l-ebda monument ġdid ma ttella' għas-17-il sena ta' wara.

Mexxejja ta' wara

[immodifika | immodifika s-sors]

K'ak' Joplaj Chan K'awiil laħaq bħala l-14-il mexxej dinastiku ta' Copán fis-7 ta' Ġunju 738, 39 jum wara li ġie ġustizzjat Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil. Ma tantx nafu wisq dwar ir-renju tiegħu minħabba n-nuqqas ta' monumenti li ttellgħu wara r-rebħa sorpriża ta' Quiriguá. It-telfa li ġarrbet il-belt ta' Copán kellha implikazzjonijiet usa' minħabba l-frammentazzjoni tad-dominju tal-belt u t-telf tar-rotta kummerċjali ewlenija tax-xmara Motagua favur Quiriguá. It-tnaqqis fl-introjtu ta' Copán u ż-żieda korrispondenti f'Quiriguá hija evidenti mill-kummissjonar enormi ta' monumenti ġodda u mill-arkitettura f'Quiriguá, u Copán jaf saħansitra kienet soġġetta għall-eks vassall tagħha. K'ak' Joplaj Chan K'awiil miet f'Jannar 749 W.K.

L-Istele N, li turi lil K'ak' Yipyaj Chan K'awiil.

Il-mexxej ta' wara kien K'ak' Yipyaj Chan K'awiil, iben K'ak' Joplaj Chan K'awiil. Il-perjodu bikri tat-tmexxija tiegħu inzerta fil-perjodu tad-deklin ta' Copán, iżda iktar 'il quddiem huwa beda programm ta' tiġdid bħala sforz biex jirkupra mid-diżastru li l-belt kienet ġarrbet qabel. Huwa bena verżjoni ġdida tat-Tempju 26, u t-Taraġ Ġeroglifiku reġa' ġie stabbilit fuq it-taraġ il-ġdid u t-tul tiegħu rdoppja. Ħames statwi b'daqs ta' bniedem ta' mexxejja bilqiegħda tpoġġew fuq it-taraġ. K'ak' Yipyaj Chan K'awiil miet fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 8 u x'aktarx li ndifen fit-Tempju 11, għalkemm il-qabar tiegħu għadu ma ġiex skavat.

Yax Pasaj Chan Yopaat laħaq mexxej warajh, is-16-il wieħed fid-dinastija stabbilita minn K'inich Yax K'uk' Mo', għalkemm milli jidher ma kienx dixxendent dirett tal-predeċessur tiegħu. Huwa tela' fuq it-tron f'Ġunju 763 W.K. u jaf kellu 9 snin biss. Huwa ma pproduċa l-ebda stele monumentali u minflok iddedika testi ġeroglifiċi inkorporati fl-arkitettura tal-belt u fl-artali iżgħar tagħha. It-testi jagħmlu referenza mċajpra għal missieru iżda ommu kienet mara nobbli minn Palenque fil-Messiku. Huwa bena l-pjattaforma tat-Tempju 11 fuq il-qabar tar-re preċedenti fis-769 W.K. u żied sovrastruttura ta' żewġ sulari li tlestiet fis-773 W.K. Għall-ħabta tas-776 W.K., huwa lesta l-verżjoni finali tat-Tempju 16 fuq il-qabar tal-fundatur. Fil-bażi tat-tempju, huwa qiegħed l-Artal Q famuż, li juri s-16-il mexxej tal-belt minn K'inich Yax K'uk' Mo' sa Yax Pasaj Chan Yopaat, b'test ġeroglifiku fil-quċċata li jiddeskrivi l-istabbiliment tad-dinastija. Sal-aħħar tas-seklu 8, in-nobbiltà kienet kisbet iktar poter, u bdiet ittella' palazzi b'bankijiet bil-ġeroglifiċi li kienu rikki daqs dawk tar-rejiiet. Fl-istess żmien, is-siti lokali l-oħra kienu qed juru l-poter lokali tagħhom stess, kif intwera mill-mexxej ta' Los Higos li tella' l-istele tiegħu stess fis-781 W.K. Lejn l-aħħar tar-renju ta' Yax Pasaj Chan Yopaat, il-belt ta' Copán kienet qed tesperjenza sovrapopolazzjoni u nuqqas ta' riżorsi lokali, b'tnaqqis ċar fl-istandards tal-għajxien fost il-popolin. Yax Pasaj Chan Yopaat irnexxielu jiċċelebra t-tieni k'atun tiegħu fit-802 W.K. bil-monument tiegħu stess, iżda l-parteċipazzjoni tar-re fiċ-ċerimonja tat-tmiem tal-k'atun tat-810 W.K. ġiet immarkata f'Quiriguá u mhux f'Copán. Sa dak iż-żmien, il-popolazzjoni tal-belt kienet qabżet l-20,000 ruħ u kienet ilha teħtieġ li timporta l-prodotti bażiċi minn barra.

Iż-żminijiet diffiċli li affaċċjat Copán f'dan iż-żmien huma evidenti mill-qabar ta' Yax Pasaj Chan Yopaat, li fih skulturi tar-re jieħu sehem f'żifniet tal-gwerra b'lanza u b'tarka f'idejh. Il-kolonna skolpita mis-santwarju tat-tempju fiha test ġeroglifiku bil-kitba "twaqqigħ tad-Dar tal-Istabbiliment" li jaf tirriferi għall-waqgħa tad-dinastija ta' Copán. L-iskarsezzi u l-mard fnew il-wied sovrapopolat ferm ta' Copán meta l-aħħar re magħruf tagħha, Ukit Took', tela' fuq it-tron fis-6 ta' Frar 822. Huwa kkummissjona l-Artal L bl-istil tal-Artal Q iżda l-monument qatt ma tlesta — naħa minnhom turi t-tlugħ fuq it-tron tar-re u naħa oħra laħqet inbdiet iżda t-tnejn l-oħra tħallew kompletament vojta. Id-dinastija twila ta' rejiet tal-belt daqstant importanti fl-imgħoddi waslet fi tmiemha. Qabel it-tmiem, saħansitra n-nobbli ġew affettwati mill-mard, x'aktarx għax l-epidemiji fost il-mases malnutriti nxterdu fost l-elit ukoll. Bit-tmiem tal-awtorità politika fil-belt, il-popolazzjoni naqset għal frazzjon ta' dak li kienet fl-aqwa tagħha. Dan il-kollass tal-belt-stat, li huwa maħsub li seħħ għall-ħabta tat-800 u t-830 W.K., seħħ għal għarrieda. Madankollu, il-popolazzjoni baqgħet tippersisti u saħansitra ffjorixxiet bejn is-750 u d-900 W.K., u mbagħad battiet gradwalment minn hemm 'il quddiem. Fil-perjodu Postklassiku, il-wied kien okkupat minn persuni li serqu l-ġebel mill-arkitettura monumentali tal-belt sabiex jibnu l-pjattaformi tad-djar sempliċi tagħhom.

Storja moderna

[immodifika | immodifika s-sors]
Ras mill-Istruttura 10L-20 li attwalment tinsab fil-Mużew ta' Peabody tal-Università ta' Harvard.

L-ewwel ħakma post-Spanjola msemmija ta' Copán kienet ittra tal-perjodu kolonjali bikri tat-8 ta' Marzu 1576. L-ittra nkitbet minn Diego García de Palacio, membru tal-Udjenza Rjali tal-Gwatemala, lir-Re Filippu II ta' Spanja. L-esploratur Franċiż Jean-Frédéric Waldeck żar is-sit fil-bidu tas-seklu 19 u qatta' xahar hemmhekk ipinġi l-fdalijiet. Il-Kurunell Juan Galindo mexxa spedizzjoni lejn il-fdalijiet fl-1834 f'isem il-gvern tal-Gwatemala u kiteb artikli dwar is-sit għal pubblikazzjonijiet Ingliżi, Franċiżi u tal-Amerka ta' Fuq. John Lloyd Stephens u Frederick Catherwood żaru Copán u inkludew deskrizzjoni, mappa u tpinġijiet dettaljati fil-ktieb ta' Stephens, Incidents of Travel in Central America, Chiapas and Yucatán (Inċidenti tal-Ivvjaġġar fl-Amerka Ċentrali, Chiapas u Yucatán), ippubblikat fl-1841. Iktar 'il quddiem żar is-sit l-arkeologu Brittaniku Alfred Maudslay. Diversi spedizzjonijiet sponsorjati mill-Mużew ta' Peabody tal-Università ta' Harvard ħadmu f'Copán matul l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, inkluż l-iskavi tal-1892–1893 tat-Taraġ Ġeroglifiku minn John G. Owens u George Byron Gordon. L-Istituzzjoni ta' Carnegie sponsorjat ukoll ix-xogħol fis-sit flimkien mal-gvern tal-Honduras.

Mappa taċ-ċentru ta' Copán.
L-Istele M u t-Taraġ Ġeroglifiku.

Il-binjiet ta' Copán ġarrbu diversi ħsarat mill-forzi tan-natura matul is-sekli bejn l-abbandun tas-sit u l-iskoperta mill-ġdid tal-fdalijiet. Wara l-abbandun tal-belt, ix-xmara Copán gradwalment bidlet il-mogħdija tagħha, b'lilwa li qerdet il-parti tal-Lvant tal-akropoli (u fl-istess ħin żvelat l-istratigrafija arkeoloġika tagħha tul qatgħa vertikali kbira) u milli jidher ġarrfet għalkollox diversi gruppi arkitettoniċi sussidjarji, inkluż mill-inqas pjazza waħda u 10 binjiet mill-Grupp 10L–2. Il-qatgħa hija karatteristika arkeoloġika importanti tas-sit, peress li l-erożjoni naturali ħolqot rappreżentazzjoni trasversali tal-akropoli. L-erożjoni kielet parti kbira mil-Lvant tal-akropoli u żvelat qatgħa trasversali vertikali għolja 37 metru (121 pied) fl-ogħla punt tagħha u twila 300 metru (980 pied). Diversi binjiet irreġistrati fis-sekli 19 inqerdu, flimkien ma' ammont mhux magħruf mill-akropoli li ttieklu qabel bl-erożjoni qabel setgħu jiġu rreġistrati. Sabiex tiġi evitata iktar qerda tal-akropoli, l-Istituzzjoni ta' Carnegie ddevja x-xmara lejn in-Nofsinhar fis-snin 30 tas-seklu 20 biex isalva s-sit arkeoloġiku; fis-snin 90 tas-seklu 20 il-baċir niexef fejn qabel kienet tgħaddi x-xmara finalment imtela bir-radam fl-istess żmien bħala konsolidazzjoni tal-qatgħa. L-Istrutturi 10L–19, 20, 20A u 21 kollha nqerdu bl-erożjoni mix-xmara Copán, iżda laħqu ġew irreġistrati mill-investigaturi fis-seklu 19.

L-UNESCO approvat finanzjament ta' US$95,825 bejn l-1982 u l-1999 biex isiru diversi xogħlijiet fis-sit. Il-monument kulturali jkopri 66 ettaru. Is-serq tal-artefatti għadha theddida serja f'Copán. Ir-rikkezzi ta' qabar insterqu fl-1998 waqt li kien qed jiġi skavat mill-arkeologi.

Deskrizzjoni tas-sit

[immodifika | immodifika s-sors]
Ras tal-ġebel fil-bażi tal-Istruttura 10L-11.

Is-sit arkeoloġiku ta' Copán huwa magħruf għal sensiela ta' steli weqfin, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu jittellgħu tul mogħdijiet fil-pjazza ċentrali tal-belt u biswit l-akropoli, kumpless kbir ta' piramidi mtarrġin, pjazez u palazzi. Il-belt kellha sit kbir għal-logħba tal-ballun Mesoamerikana tal-Maja.

Is-sit arkeoloġiku ta' Copán huwa maqsum f'diversi gruppi ta' strutturi, bil-Grupp Prinċipali u l-Grupp taċ-Ċimiterju fil-qalba tas-sit ikkollegati permezz ta' sacbe mal-Grupp tal-Oqbra lejn il-Grigal. Copán ċentrali kellha densità ta' 1,449 struttura kull kilometru kwadru (3,750 struttura kull mil kwadru), filwaqt li fl-inħawi usa' ta' Copán din id-densità kienet tinżel għal 143 struttura kull kilometru kwadru (370 struttura kull mil kwadru) fuq erja mistħarrġa ta' 24.6 kilometru kwadru (9.5 mili kwadri).

Grupp Prinċipali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Grupp Prinċipali jirrappreżenta l-qalba tal-belt tal-qedem u jkopri erja ta' 600 metru bi 300 metru (1,970 pied b'980 pied). Il-karatteristiċi prinċipali huma l-Akropoli, li hija kumpless irjali olzat fin-Nofsinhar, u grupp ta' strutturi iżgħar u pjazez ikkollegati lejn it-Tramuntana, inkluż it-Taraġ Ġeroglifiku u l-piċċ tal-logħba tal-ballun. Il-Pjazza tal-Monumenti fiha l-ikbar konċentrazzjoni ta' monumenti skolpiti fis-sit.

L-Akropoli kienet il-kumpless irjali fil-qalba ta' Copán. Tikkonsisti minn żewġ pjazez li ġew imsejħa bħala l-Pjazza tal-Punent u l-Pjazza tal-Lvant. It-tnejn huma kkonfinati minn strutturi elevati. L-arkeologi skavaw mini estensivi taħt l-Akropoli, u żvelaw kif il-kumpless irjali fil-qalba ta' Copán żviluppa tul is-sekli u sabu diversi testi ġeroglifiċi li jmorru lura għall-perjodu Klassiku Bikri u setgħu jivverifikaw id-dettalji dwar il-mexxejja dinastiċi bikrin tal-belt li kienu rreġistrati fuq l-Artal Q mijiet ta' snin wara. L-iżjed fond minn dawn il-mini żvela li l-ewwel strutturi monumentali taħt l-Akropoli arkeoloġikament imorru lura għall-bidu tas-seklu 5 W.K., meta K'inich Yax K'uk' Mo' stabbilixxa d-dinastija rjali. Dawn il-binjiet bikrin inbnew bil-ġebel u bit-tajn u l-ħuxlief u kienu nbnew fuq strutturi iktar bikrin tat-tajn u taċ-ċagħaq fil-perjodu predinastiku. Iż-żewġ stili ta' kostruzzjoni jitrikkbu kemxejn, u xi strutturi tat-tajn tkabbru matul l-ewwel mitt sena tal-istorja dinastika tal-belt. Il-binjiet dinastiċi bikrin tal-Akropoli kienu jinkludu diversi bl-istil Klassiku Bikri tal-forom karatteristiċi ta' Tikal u waħda li nbniet bl-istil talud-tablero assoċjat ma' Teotihuacan, minkejja li dak iż-żmien l-istil talud-tablero kien jintuża kemm f'Tikal u f'Kaminaljuyu kif ukoll fil-Messiku Ċentrali.

L-Istruttura 10L-4 hija pjattaforma b'erba' settijiet tat-taraġ u tinsab qrib il-Pjazza tal-Monumenti.

Il-Pjazza tal-Punent ta' Copán.

L-Istruttura 10L-11 tinsab fil-Punent tal-Akropoli. Tikkonfina man-naħa tan-Nofsinhar tal-Pjazza bit-Taraġ Ġeroglifiku u wieħed jaċċessaha minnha permezz ta' taraġ monumentali wiesa'. Din l-istruttura milli jidher kienet il-palazz irjali ta' Yax Pasaj Chan Yopaat, is-16-il mexxej fis-suċċessjoni dinastika u l-aħħar re magħruf ta' Copán. L-Istruttura 10L-11 inbniet fuq diversi strutturi bikrin oħra, u waħda minnhom x'aktarx li fiha l-qabar tal-predeċessur tiegħu K'ak' Yipyaj Chan K'awiil. Mina żgħira tinżel fil-ġewwieni tal-istruttura, x'aktarx fil-qabar, iżda dan għadu ma ġiex skavat mill-arkeologi. Yax Pasaj Chan Yopaat bena pjattaforma ġdida għal tempju fuq il-qabar tal-predeċessur tiegħu fis-769 W.K. Fil-quċċata tagħha huwa bena sovrastruttura ta' żewġ sulari b'saqaf skolpit bl-aspetti kożmoloġiċi mitoloġiċi. F'kull waħda mill-kantunieri tagħha kien hemm Pawatun kbir skolpit (grupp ta' divinitajiet li kienu jappoġġaw is-smewwiet). Din is-sovrastruttura kellha erba' daħliet b'panewijiet bil-ġeroglifiċi skolpiti direttament mal-ħitan tal-binja. Fi ħdan l-istruttura kien hemm bank, li tneħħa minn Maudslay fis-seklu 19 u li issa jinsab fil-kollezzjoni tal-Mużew Brittaniku, kien juri t-tlugħ tar-re fuq it-tron, issorveljat mid-divinitajiet u mill-antenati.

Fażijiet tat-Tempju 16 (Struttura 10L-16)
Fażi Re Data
Hunal K'inich Yax K'uk' Mo' bidu tas-seklu 5 W.K.
Yehnal K'inich Popol Hol nofs is-seklu 5 W.K.
Margarita K'inich Popol Hol nofs is-seklu 5 W.K.
Rosalila Ġaġwar tal-Qamar nofs is-seklu 6 W.K.
Purpura Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil bidu tas-seklu 7 W.K.
Rikostruzzjoni ta' daqs reali tat-tempju tal-fażi ta' Rosalila fil-Mużew tas-Sit ta' Copán.

L-Istruttura 10L-16 (it-Tempju 16) hija tempju b'għamla ta' piramida u l-ogħla parti tal-Akropoli. Tinsab bejn il-Pjazez tal-Lvant u tal-Punent fil-qalba tal-belt tal-qedem. It-tempju jħares lejn il-Pjazza tal-Punent fi ħdan l-Akropoli u huwa ddedikat lil K'inich Yax K'uk' Mo', il-fundatur tad-dinastija. It-tempju nbena fuq il-palazz oriġinali u l-qabar tar-re. Huwa l-verżjoni finali ta' għadd ta' tempji li nbnew fuq xulxin, kif kienet id-drawwa komuni fil-Mesoamerka. L-iżjed verżjoni bikrija ta' dan it-tempju hija mlaqqma Hunal; inbniet bl-istil talud-tablero tal-arkitettura tipika ta' Teotihuacan, bi traċċi ta' affreski b'kuluri jgħajtu fuq it-traċċi eżistenti tal-ħitan interni. Ir-re ndifen f'kripta bil-volta li tħaffret fl-art tal-fażi ta' Hunal tal-binja, u ġie akkumpanjat b'offerti rikki tal-ġada. K'inich Popol Hol, iben il-fundatur, ġarraf il-palazz ta' missieru u bena pjattaforma fuq il-qabar tiegħu, li ġiet imsejħa Yehnal mill-arkeologi. Inbniet bi stil distintiv tal-Maja ta' Petén u kellha maskri kbar ta' K'inich Tajal Wayib', l-alla tax-xemx, miżbugħin bl-aħmar. Din il-pjattaforma kienet tinsab fi ħdan pjattaforma ferm ikbar fi żmien deċennju wara li nbniet. Din il-pjattaforma ikbar issejħet Margarita u kellha panewijiet tal-istukko maġenb it-taraġ ta' aċċess tagħha bi xbihat li jalternaw ta' quetzals u ta' makaws, li t-tnejn jiffurmaw parti minn isem K'inich Yax K'uk' Mo'. Il-fażi ta' Margarita kien fiha qabar bid-difna rikka ta' mara anzjana mlaqqma l-"Mara Liebsa bl-Aħmar". X'aktarx li kienet l-armla ta' K'inich Yax K'uk' Mo' u omm K'inich Popol Hol. Il-kompartiment ta' fuq tat-tempju tal-fażi ta' Margarita ġie kkonvertit biex jilqa' l-offerti u l-ħaġra mhux tas-soltu ta' Xukpi, monument b'dedika li ntuża f'waħda mill-fażijiet iktar bikrin, reġgħet intużat f'din il-fażi.

Waħda mill-iżjed fażijiet ippreservati sew tat-Tempju 16 hija dik ta' Rosalila, li nbniet fuq il-fdalijiet ta' ħames verżjonijiet preċedenti tat-tempju. L-arkeologu Ricardo Agurcia skopra s-santwarju kważi intatt waqt li kien qed iħaffer mina taħt il-verżjoni finali tat-tempju. Il-fażi ta' Rosalila hija notevoli għall-istat eċċellenti ta' preservazzjoni, u tinkludi l-binja sħiħa mill-pjattaforma fil-bażi sal-quċċata, inkluż it-tiżjin elaborat bl-istukko mpitter. Il-fażi ta' Rosalila tinkludi lil K'inich Yax K'uk' Mo' mqiegħed fiċ-ċentru ta' xbihat mitoloġiċi, flimkien mal-fundatur tad-dinastija u l-alla tas-sema Itzamna f'għamla ta' għasfur. Ix-xbihat mitoloġiċi jinkludu wkoll muntanji antropomorfiċi, skeletri u kukkudrilli. Fuq barra kien hemm xaftijiet iddisinjati sabiex id-duħħan mill-inċens maħruq ġos-santwarju jinteraġixxi mal-iskulturi bl-istukko fuq barra. It-tempju kellu tarġa ġeroglifika tal-ġebel b'dedika mnaqqxa fiha. Din it-tarġa tal-ġebel hija inqas ippreservata mill-bqija tal-binja, iżda ġiet iddeċifrata d-data tal-571 W.K. Minħabba d-deforestazzjoni tal-wied ta' Copán, il-fażi ta' Rosalila kienet l-aħħar struttura fis-sit li kellha tiżjin daqstant elaborat bl-istukko — ma setgħux jintużaw kwantitajiet kbar ta' ħatab iktar biex il-ġebla tal-ġir tintuża bħala ġibs. Fil-mużew tas-sit ta' Copán inbniet kopja b'daqs reali tal-istruttura tal-fażi ta' Rosalila.

Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil bena verżjoni ġdida tal-binja fuq l-istruttura tal-fażi ta' Rosalila fil-bidu tas-seklu 8 W.K. Huwa għamel offerta bħala parti mir-riti bħala tmiem tal-fażi l-antika u din kienet tinkludi kollezzjoni eċċentrika ta' żnied maħdum f'għamla ta' profili ta' bnedmin u allat, imgeżwrin b'tessuti blu, kif ukoll kelb il-baħar ta' 5 piedi li ġie ttrasferit lejn il-belt mill-eqreb oċean, xi 42 kilometru 'l bogħod.

L-Istruttura 10L-18 tinsab fuq in-naħa tax-Xlokk tal-Akropoli u ġarrbet ħsarat mill-erożjoni kkawżata mix-xmara Copán, tant li n-naħa tal-Lvant tagħha ntilfet. It-taraġ fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-istruttura jagħtu għal qabar bil-volta, li r-rikkezzi tiegħu nsterqu fi żmien il-qedem u x'aktarx kien dak ta' Yax Pasaj Chan Yopaat. Milli jidher ir-rikkezzi nsterqu ftit wara l-kollass tar-renju ta' Copán. Xi ħaġa mhux tas-soltu f'Copán, is-santwarju tal-quċċata kellu erba' panewijiet skolpiti b'xeni tar-re jagħmel żifniet tal-gwerra b'lanza u b'tarka f'idejh, bħala enfasi tat-tensjonijiet li bdew jiżdiedu lejn tmiem id-dinastija.

It-Tempji 10L-20 u 10L-21 x'aktarx li t-tnejn inbnew minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil. Dawn inqerdu mix-xmara Copán fil-bidu tas-seklu 20.

Id-daħla interna tal-Istruttura 10L-22.

L-Istruttura 10L-22 hija binja kbira fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-Pjazza tal-Lvant, fl-Akropoli, u tħares lejha. Tmur lura għar-renju ta' Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil u hija l-iżjed binja ppreservata fost il-binjiet tar-renju tiegħu. Is-sovrastruttura tal-binja għandha daħla interna b'gwarniċ skolpit b'mod elaborat u mżejjen bil-maskri tal-alla tal-muntanji Witz. Id-daħla esterna hija mżejna bil-maskra ġganteska ta' divinità, u għandha elementi stilistiċi simili għall-istil reġjonali ta' Chenes fil-Yucatán imbiegħed. It-tempju nbena biex jiċċelebra t-tlestija tal-ewwel K'atun tar-re fis-715 W.K., u fih tarġa ġeroglifika bi frażi mnaqqxa fl-ewwel persuna "Jien lestejt il-K'atun tiegħi". Il-binja tirrappreżenta b'mod simboliku l-muntanja fejn inħoloq il-qamħirrum.

L-Istruttura 10L-25 tinsab fil-Pjazza tal-Lvant tal-Akropoli. Tinsab fuq qabar irjali rikk imlaqqam Sotto-Ġagwar mill-arkeologi. Huwa maħsub li huwa l-qabar tal-Mexxej Nru 7 (B'alam Nehn), tal-Mexxej Nru 8 jew tal-Mexxej Nru 9, li kollha rrenjaw fl-ewwel nofs tas-seklu 6 W.K.

Fażijiet tat-Tempju 26 (Struttura 10L-26)
Fażi Re Data
Yax K'inich Yax K'uk' Mo' nofs is-seklu 5 W.K.
Motmot K'inich Popol Hol nofs is-seklu 5 W.K.
Papagayo Ku Ix nofs is-seklu 5 W.K.
Mascarón Imix tad-Duħħan is-seklu 7 W.K.
Chorcha Imix tad-Duħħan is-seklu 7 W.K.
Esmeralda Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil bidu tas-seklu 8 W.K.
Mhux magħrufa K'ak' Yipyaj Chan K'awiil nofs is-seklu 8 W.K.

L-Istruttura 10L-26 hija tempju li jħares lejn it-Tramuntana tal-Akropoli u jinsab lejn it-Tramuntana tal-Istruttura 10L-22. L-istruttura nbniet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil u K'ak' Yipyaj Chan K'awiil, it-13 u l-15-il mexxejja fis-suċċessjoni dinastika. It-Taraġ Ġeroglifiku wiesa' 10 metri (33 pied) jagħti sal-quċċata tal-binja fuq in-naħa tal-Punent mill-pjazza. L-iżjed verżjoni bikrija tat-tempju, imlaqqma Yax, inbniet matul ir-renju ta' K'inich Yax K'uk' Mo', il-fundatur tad-dinastija, u fiha karatteristiċi arkitettoniċi (bħat-tiżjin fil-kantunieri) li huma tipiċi tar-reġjun ta' Tikal u ta' Petén ċentrali. Il-fażi li jmiss tal-binja nbniet minn iben Yax K'uk' Mo', K'inich Popol Hol, u hija mlaqqma Motmot. Din il-fażi tal-istruttura kienet iktar elaborata u kienet imżejna bl-istukko. Taħt il-binja tinsab il-lapida ta' Motmot, li tgħatti qabar b'difna ta' mara bi stil mhux tas-soltu ta' Teotihuacan, akkumpanjata minn varjetà wiesgħa ta' offerti, fosthom għadam tal-annimali, merkurju, ġada u kwarz, flimkien ma' tlett irjus maqtugħin ta' rġiel. Ku Ix bena fażi ġdida tal-binja fuq dik ta' Motmot, imlaqqma Papagayo.

Il-verżjoni finali tal-piċċ tal-logħba tal-ballun inbniet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fis-738 W.K.

Imix tad-Duħħan ġarraf il-fażi ta' Papagayo u b'mod ritwali radam il-fdalijiet imkissrin tal-monumenti skolpita tagħha, flimkien ma' rjus tal-ġebel ta' makaws minn verżjoni bikrija tal-piċċ tal-logħba tal-ballun. Imbagħad bena piramida fuq il-fażijiet bikrin, imlaqqma Mascarón mill-arkeologi. Din ġiet żviluppata fil-piramida ta' Chorcha biż-żieda ta' sovrastruttura twila b'seba' daħliet fuq quddiem u fuq wara. Qabel ma nbniet binja ġdida fil-quċċata, is-santwarju ta' fuq twaqqa' u ddaħħal qabar fl-art li ġie mgħotti bi 11-il ċangatura kbira tal-ġebel. Il-qabar kien fih il-fdalijiet ta' raġel *** u tifel jew tifla mogħtija bħala sagrifiċċju. L-iskeletru *** fi stat gravi ta' dekompożizzjoni kien ġie mgeżwer f'biċċa minsuġa u kien akkumpanjat b'offerti tal-ġada fina, fosthom imsielet u ġiżirana magħmula b'figurini skolpiti. Id-difna ġiet akkumpanjata b'offerti ta' 44 reċipjent taċ-ċeramika, ġlud tal-ġagwar, qxur tal-baħar Spondylus, 10 reċipjenti taż-żebgħa u ktieb wieħed jew iktar bil-ġeroglifiċi, issa fi stat ta' dekompożizzjoni. Barra minn hekk, kien hemm ukoll 12-il oġġett taċ-ċeramika li fuqhom kien jinħaraq l-inċens b'għotjien immudellati f'figurini umani, li huwa maħsub li jirrappreżentaw lill-Imix tad-Duħħan u l-11-il predeċessur dinastiku tiegħu.

Il-binja ta' Chorcha kienet iddedikata lill-Imix tad-Duħħan, ir-re tas-seklu 7, u għaldaqstant x'aktarx li l-fdalijiet umani mirduma taħt il-binja huma tiegħu. Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil issiġilla l-fażi ta' Chorcha taħt verżjoni ġdida tat-tempju, imlaqqma Esmeralda, sas-710 W.K. Il-fażi l-ġdida kellha l-ewwel verżjoni tat-Taraġ Ġeroglifiku, li għandu storja dinastika twila ħafna. K'ak' Yipyaj Chan K'awiil bena fuq il-fażi ta' Esmeralda f'nofs is-seklu 8. Huwa neħħa t-Taraġ Ġeroglifiku mill-binja ta' qabel u reġa' bnieh fil-verżjoni tiegħu, filwaqt li rdoppja t-tul tat-test u żied ħames statwi b'daqs reali ta' mexxejja lebsin bħala ġellieda ta' Teotihuacan, u kull wieħed tqiegħed bilqiegħda fuq tarġa. Fil-bażi tat-taraġ, huwa tella' wkoll l-Istele M, bix-xbieha tiegħu stess. Is-santwarju tal-quċċata tat-tempju kellu test ġeroglifiku magħmul minn ġeroglifiċi b'figuri sħaħ, kull waħda maġenb ġeroglifiċi simili bl-istil taparsi Messikan, u b'hekk kellu d-dehra ta' test bilingwi.

It-Taraġ Ġeroglifiku jinsab man-naħa tal-Punent tal-Istruttura 10L-26. Huwa wiesa' 10 metri (33 pied) u fih total ta' 62 tarġa. L-Istele M u l-artal assoċjat magħha jinsabu fil-bażi tat-taraġ u hemm skultura kbira fiċ-ċentru ta' kull 12-il tarġa. Huwa maħsub li dawn l-iskulturi jirrappreżentaw l-iżjed mexxejja importanti fl-istorja dinastika tas-sit. Isem it-taraġ oriġina mill-2,200 ġeroglifiċi li flimkien jiffurmaw l-itwal test ġeroglifiku magħruf tal-Maja. It-test għadu qed jiġi rikostruwit, wara li kien tgerfex minħabba l-kollass tal-blokok bil-ġeroglifiċi meta waqgħet il-faċċata tat-tempju. It-taraġ huwa twil 21 metru (69 pied) u nbena għall-ewwel darba minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fis-710 W.K., u mbagħad inbena mill-ġdid u tkabbar fil-fażi ta' wara tat-tempju minn K'ak' Yipyaj Chan K'awiil fis-755 W.K.

Il-Piċċ tal-Logħba tal-Ballun jinsab eżatt fit-Tramuntana tal-Pjazza tat-Taraġ Ġeroglifiku u fin-Nofsinhar tal-Pjazza tal-Monumenti. Ġie mmudellat mill-ġdid minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil, li mbagħad ġarrfu u bena t-tielet verżjoni tiegħu, li kien wieħed mill-ikbar mill-perjodu Klassiku. Kien iddedikat lid-divinità tal-makaw il-kbir u l-binjiet maġenb il-piċċ kellhom 16-il skultura bil-mużajk ta' dan l-għasfur. Id-data tat-tlestija tal-piċċ tal-logħba tal-ballun hija mnaqqxa b'test ġeroglifiku max-xaqliba tal-piċċ u hija s-6 ta' Jannar 738.

Il-Pjazza tal-Monumenti jew il-Pjazza l-Kbira tinsab fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-Grupp Prinċipali.

Grupp tal-Oqbra

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Grupp tal-Oqbra huwa kkollegat permezz ta' sacbe jew passaġġ li jibqa' sejjer fil-Lbiċ lejn il-Pjazza tal-Monumenti fil-Grupp Prinċipali. Il-Grupp tal-Oqbra jikkonsisti minn għadd ta' strutturi rrestawrati, il-biċċa l-kbira residenzi tal-elit b'bankijiet tal-ġebel, uħud minnhom b'tiżjin imnaqqax, u għadd ta' oqbra.

Dan il-grupp fih storja twila ħafna ta' okkupazzjoni, u dar fi ħdanu ġiet datata saħansitra li tmur lura għall-perjodu Preklassiku Bikri. Sal-perjodu Preklassiku Nofsani, inbnew pjattaformi kbar bil-ġebel u saru diversi difniet rikki. Sat-800 W.K., il-kumpless kien jikkonsisti minn madwar 50 binja rranġati madwar seba' pjazez ewlenin. Matul dak iż-żmien, l-iżjed binja importanti kienet id-Dar tal-Bakabs, il-palazz ta' nobbli setgħan ta' żmien Yax Pasaj Chan Yopaat. Il-binja hija skolpita b'mod rikk u ta' kwalità għolja minn barra u fiha bank imnaqqax bil-ġeroglifiċi fuq ġewwa. Parti mill-grupp kien sottodistrett okkupat mill-abitanti mhux Maja mill-Honduras Ċentrali li kienu involuti fin-network kummerċjali tal-oġġetti li kienu jitwasslu minn dak ir-reġjun.

Il-Grupp tat-Tramuntana huwa kumpless tal-perjodu Klassiku Aħħari. L-arkeologi skavaw fir-radam tal-faċċati li kienu ġġarrfu u li kellhom ġeroglifiċi mnaqqxa u tiżjin skolpit.

Il-Grupp taċ-Ċimiterju jinsab eżatt fin-Nofsinhar tal-Grupp Prinċipali u jinkludi għadd ta' strutturi u pjazez żgħar.

L-Artal Q juri 16-il re fis-suċċessjoni dinastika tal-belt.

L-Artal Q huwa l-iżjed monument famuż f'Copán. Ġie ddedikat lir-re Yax Pasaj Chan Yopaat fis-776 W.K. u mal-ġnub tiegħu tnaqqxu s-16-il re tad-dinastija ta' Copán. Kull xbieha tidher bilqiegħda fuq l-isem ġeroglifiku. Fuq il-wiċċ ta' fuq tal-artal hemm test ġeroglifiku mnaqqax dwar l-istabbiliment tad-dinastija fl-426–427 W.K. Fuq naħa waħda tal-artal, hemm il-fundatur tad-dinastija K'inich Yax K'uk' Mo' jittrasferixxi s-setgħa lil Yax Pasaj. Tatiana Proskouriakoff kienet l-ewwel li skopriet dan it-test fuq in-naħa tal-Punent tal-Artal Q li fiha d-data tal-inawgurazzjoni ta' Yax Pasaj. Din it-turija tas-suċċessjoni politika tgħidilna ħafna dwar il-kultura Klassika Bikrija tal-Maja.

Il-Pjazza l-Kbira tal-Isteli.

Il-Lapida tal-Motmot hija ħaġra mnaqqxa li tpoġġiet fuq qabar taħt l-Istruttura 10L-26. Il-wiċċ tagħha ġie skolpit b'mod mirqum bir-ritratti tal-ewwel żewġ rejiet tad-dinastija ta' Copán, K'inich Yax K'uk' Mo' u K'inich Popol Hol, wieħed faċċata tal-ieħor b'kolonna doppja ta' ġeroglifiċi bejniethom, kollha kemm huma fi ħdan gwarniċ bil-kwadrifolju. Il-gwarniċ u l-ismijiet ġeroglifiċi tal-postijiet mitoloġiċi taħt saqajn iż-żewġ rejiet jikkollokawhom fl-isfera sovranaturali. Il-lapida fiha żewġ dati kalendarji: l-435 W.K. u l-441 W.K. It-tieni data x'aktarx li kienet id-data li fiha ġiet iddedikata din il-lapida.

L-Istele P bix-xbieha ta' K'ak' Chan Yopaat.

Il-Ħaġra ta' Xukpi hija monument ta' dedika minn waħda mill-fażijiet bikrin tal-Istruttura 10L-16 li nbniet f'ġieħ K'inich Yax K'uk' Mo'. Fuqha tnaqqxet id-data tal-437 W.K. u l-ismijiet ta' K'inich Yax K'uk' Mo' u ta' K'inich Popol Hol, flimkien mat-tismija possibbli tal-ġeneral ta' Teotihuacan Siyaj K'ak'. Il-monument għadu ma ġiex iddeċifrat għalkollox u l-istil u l-frażjoloġija tiegħu huma pjuttost mhux tas-soltu. Oriġinarjament, il-ħaġra ntużat bħala bank skolpit jew tarġa u d-data ta' fuq il-monument hija assoċjata mad-dedika ta' tempju funebri jew ta' qabar, x'aktarx il-qabar ta' K'inich' Yax K'uk' Mo', li ġie skopert taħt l-istess struttura.

L-Istele 2 ittellgħet fil-Pjazza l-Kbira minn Imix tad-Duħħan fis-652 W.K.

L-Istele 3 hija stele oħra li ttellgħet minn Imix tad-Duħħan fil-Pjazza l-Kbira fis-652 W.K.

L-Istele 4 ittellgħet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fil-bidu tas-seklu 8 W.K.

L-Istele 7 tmur lura għar-renju ta' K'ak' Chan Yopaat, u ttellgħet biex tiċċelebra ċ-ċerimonja ta' tmiem il-K'atun tas-613 W.K. Instabet fil-kumpless tal-Punent li issa jinsab taħt il-villaġġ modern ta' Copán Ruinas. Fiha test ġeroglifiku twil li għadu ġie ddeċifrat parzjalment biss.

L-Istele 9 instabu fil-villaġġ modern ta' Copán Ruinas, fejn kienet ittellgħet fuq is-sit ta' kumpless ewlieni tal-perjodu Klassiku xi 1.6 kilometru (mil) 'il barra mill-qalba tas-sit. Kienet iddedikata lill-Ġagwar tal-Qamar u tmur lura għall-564 W.K.

L-Istele 10 ittellgħet barra mill-qalba tas-sit minn Imix tad-Duħħan fis-652 W.K.

L-Istele 11 oriġinarjament kienet kolonna interna mit-Tempju Nru 18, is-santwarju funebri ta' Yax Pasaj Chan Yopaat. Meta nstabet, kienet miksura f'żewġ partijiet fil-bażi tat-tempju. Turi lir-re bħala alla anzjan tal-Maja tal-qamħirrum u x-xbieha tiegħu tixbaħ sew lil dik tal-għatu tal-qabar tar-re ta' Palenque K'inich Janaab' Pakal, x'aktarx minħabba r-rabtiet familjali mill-qrib ta' Yax Pasaj Chan Yopaat ma' dik il-belt. It-test tal-kolonna kien jifforma parti minn test itwal imnaqqax fuq il-ħitan interni tat-tempju u jaf jiddeskrivi l-waqgħa tad-dinastija ta' Copán.

L-Istele 12 ittellgħet barra mill-qalba tas-sit minn Imix tad-Duħħan fis-652 W.K.

L-Istele 13 ittellgħet barra mill-qalba tas-sit minn Imix tad-Duħħan fis-652 W.K.

L-Istele 15 tmur lura għall-524 W.K., matul ir-renju ta' B'alam Nehn. L-iskultura tagħha tikkonsisti għalkollox minn test ġeroglifiku, li jsemmi li r-re B'alam Nehn kien qed jirrenja fil-belt sal-504 W.K.

L-Istele 17 tmur lura għall-554 W.K., matul ir-renju tal-Ġagwar tal-Qamar. Oriġinarjament kienet tinsab fil-villaġġ fil-qrib ta' Copán Ruinas, f'kumpless ewlieni tal-perjodu Klassiku.

L-Istele 18 hija framment ta' monument bl-isem imnaqqax ta' K'inich Popol Hol. Ittellgħet fil-kompartiment intern tal-Istruttura 10L-26.

L-Istele 19 ittellgħet barra mill-qalba tas-sit minn Imix tad-Duħħan fis-652 W.K.

L-Istele 63 kienet iddedikata lil K'inich Popol Hol. L-iskultura tagħha tikkonsisti għalkollox f'testi ġeroglifiċi mnaqqxin b'mod mirqum u x'aktarx li oriġinarjament ġiet ikkummissjonata minn K'inich Yax K'uk' Mo', b'testi addizzjonali li żdiedu fuq il-ġnub tal-monument minn ibnu. It-test jinkludi l-istess data tal-435 W.K. li hemm fuq il-Lapida tal-Motmot. L-Istele 63 tkissret apposta, flimkien mat-tarġa ġeroglifika tagħha, matul ir-ritwal tat-tiġrif tal-fażi ta' Papagayo tat-Tempju Nru 26. Il-fdalijiet tal-monumenti mbagħad intradmu fil-binja stess qabel ma nbniet il-fażi ta' wara.

L-Istele A ttellgħet fis-731 W.K. minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil. Telenka t-tmexxija tiegħu fost l-iktar erba' renji setgħana fir-reġjun tal-Maja, flimkien ma' Palenque, Tikal u Calakmul.

L-Istele B ittellgħet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fil-bidu tas-seklu 8 W.K.

L-Istele Ċ ittellgħet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fil-bidu tas-seklu 8 W.K.

L-Istele D ittellgħet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fil-bidu tas-seklu 8 W.K.

L-Istele F ittellgħet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fil-bidu tas-seklu 8 W.K.

L-Istele H ittellgħet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fil-bidu tas-seklu 8 W.K.

L-Istele J ittellgħet minn Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil fis-702 W.K. u kienet l-ewwel monument tiegħu. Kienet tinsab fid-daħla tal-Lvant tal-belt u xi ħaġa mhux tas-soltu hi li hija msaqqfa b'ġebel skolpit, u b'hekk il-monument ġie kkonvertit f'xorta ta' dar simbolika. Fiha test ġeroglifiku minsuġ f'disinn żigużajg u jifforma labirint kumplikat li jrid jinqara eżattament fl-ordni xierqa biex jinftiehem.

L-Istele M tinkludi x-xbieha ta' K'ak' Yipyaj Chan K'awiil. Ittellgħet fil-bażi tat-Taraġ Ġeroglifiku tat-Tempju Nru 26 fis-756 W.K.

L-Istele N ġiet iddedikata minn K'ak' Yipyaj Chan K'awiil fis-761 W.K. u tpoġġiet fil-bażi tat-taraġ li jagħti għat-Tempju Nru 11, li huwa maħsub li fih il-qabar tiegħu.

L-Istele P oriġinarjament ittellgħet f'pożizzjoni mhux magħrufa u iktar 'il quddiem tressqet lejn il-Pjazza tal-Punent tal-Akropoli. Fiha test ġeroglifiku twil li għadu ma ġiex iddeċifrat. Tmur lura għar-renju tar-re K'ak' Chan Yopaat u ġiet iddedikata fis-623 W.K.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sit tal-Maja ta' Copán ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

  1. ^ a b ċ "Maya Site of Copan - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-04.